Grazzi ħafna lil Mostin Kollha ...

Ittra lir-residenti Mostin

Għeżież Mostin,

Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nintroduċi lili nnifsi magħkom. Għandi 23 sena, u wara li temmejt l-istudji tiegħi, bdejt naħdem bħala IT Administrator ma’ kumpanija ewlenija fil-qasam tal-importazjoni u d-distribuzzjoni tal-ikel f’Malta. Membru fil-Grupp Armar Marija Assunta – il-grupp li jieħu ħsieb l-armar tal-festa u li jgħin ukoll fl-armar tal-knisja fejn preżentament nokkupa ukoll l-kariga ta’ Viċi-President. Membru ukoll fil-kor tal-parroċċa – Il-Kor Santa Ċeċilja. Inħobb inżomm ruħi attiv f’dak kollu li hu Mosti u issa, l-pass li jmiss nixtieq li nagħmlu f’ħidma fil-Kunsill tar-raħal tagħna, ġewwa l-Mosta.

Hemm numru ta’ raġunijiet li wassluni għal din id-deċiżjoni, l-aktar importanti fosthom kienet l-imħabba li għandi għall-Mosta u x-xewqa li nista’ nagħmel differenza għall-aħjar.

Nemmen li sa mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali saret ħidma mill-aktar importanti fil-Mosta iżda dejjem ikun hemm fejn intejbu u nirranġaw. Spiss nitkellem ma sħabi dwar kif din il-lokalità nistgħu nkomplu nsebħuha u mmexxuha ‘l quddiem.

Għalhekk issa minflok nitkellem biss, għandi nagħmel aktar; niddedika iktar ħin u l-impenn tiegħi għall-Mosta biex id f’id magħkom nieħdu azzjoni u nagħmlu d-differenza. Min jafni, jaf kemm inħobb dak kollu li huwa għall-qalb il-Mostin kollha – ir-Rotunda, il-festa – b’dak kollu li jgħamilha, l-futbol, il-kultura, u speċjalment l-għaqdiet Mostin – li huma s-sisien tal-komunità Mostija. Għalħekk, bla dubju, dawn ser ikunu fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħi fil-Kunsill Lokali. Naturalment, bħala żgħażugħ, għandi ferm għal qalbi kwistjonijiet li jolqtu lilna ż-żgħażagħ. F’dan il-kuntest, se naħdem biex il-Kunsill Lokali jagħmel l-aħjar użu minn Programmi u Fondi, kemm lokali u anke Ewropej, li jeżistu sabiex intejbu l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.

Għażilt il-Partit Nazzjonalista, għaliex nemmen fil-viżjoni u fil-valuri li jħaddan fejn ħadd m’għandu jibqa’ lura, għaliex hu il-Partit Nazzjonalista li dejjem iħares ‘il quddiem, jemmen fil-Kunsilli Lokali, jemmen fl-Unjoni Ewropea, u jemmen fil-potenzjal ta’ kull cittadin Malti. Bħala persuna proattiva, li dejjem nara kif nista’ ntejjeb is-sitwazzjoni tiegħi u ta’ dawk ta’ madwari, il-PN huwa d-dar naturali.

Filwaqt li se nagħmel l-almu tiegħi biex niltaqa’ magħkom kollha matul il-gimgħat li ġejjin, nistedinkom biex tgħadduli l-ħsibijiet tagħkom dwar il-Mosta u l-ħidma tal-Kunsill Lokali.

Jien ser inkun għad-dispożizzjoni tagħkom u nitlobkom tagħmlu kuntatt miegħi.

 

Grazzi

Keith Cassar